F’logħba fejn it-tim Imġarri wera waħda mill-iktar wirjiet tajbin
tiegħu matul ħafna mill-ħin tal-logħba, xorta waħda spiċċa tilef
bir-riżultat ta’ 1-4. L-ewwel taqsima kienet waħda impressjonanti
mit-tim Imġarri li bla biża’ ta’ xejn kienu kapaċi jaqilbu l-logħob u
jqassmu l-ballun b’mod sabiħ ħafna biex b’hekk ġew krejati ħafna
ċansijiet ta’ gowls. Dan il-logħob sabiħ ħafna wassal biex it-tim
Imġarri mar fil-vantaġġ wara gowl mill-isbaħ ta’ Cledwyn Żammit. Dan
irċeva ballun li qasam id-difiża Naxxarija ftit ‘il fuq minn nofs
il-grawnd u bil-gowler tan-Naxxar barra mill-kaxxa tiegħu biex iwaqqaf
l-attakk, qabbiżulu għal ġol-kaxxa biex it-tim Imġarri mar 1-0 minn
fuq. Iżda fejn timijiet oħra jikkalmaw meta jiskurjaw l-ewwel gowl,
it-tim Imġarri kien wieħed eċitat u panikuż. Tant hu hekk li ftit
minuti qabel ma saffar għall-ewwel taqsima, gowlkick żbaljat li
sfortunatament ħabat ma’ wiċċ Curt Ebejer, ġie għand plejer tan-Naxxar
li b’xutt fil-baxx ma falliex u ġab ir-riżultat 1-1. Fit-tieni taqsima
kienet storja differenti, l-ewwel kwarta tal-logħba kienet ddominata
mit-tim Imġarri li falla li jiskurja tliet okkażjonijiet. Totalment
kontra il-venja tal-logħob, it-tim tan-Naxxar mar fil-vantaġġ wara
kontra attakk tajjeb li d-difiża tat-tim Imġarri falliet milli
tiddefendih. Dan il-gowl iżda mhux biss ta l-vantaġġ lit-tim
tan-Naxxar f’sens ta’ riżultat iżda anke f’sens morali għax it-tim
Imġarri qata’ qalbu u tilef rasu. Kien hemm waqtiet fejn it-tim
Imġarri reġa’ kien qiegħed jilgħab tajjeb iżda n-nuqqas ta’
konċentrazzjoni u fiduċja m’għand ftit mill-plejers wasslet biex
in-Naxxar skurjaw it-tielet gowl deċiżiv, li wara żball ieħor ta’
gowlkick fejn il-ballun spiċċa għand plejer tan-Naxxar, dan ma falliex
b’xutt fil-baxx. In-Naxxar komplew sabiex sabu r-raba’ gowl tagħhom li
kien dubjuż kienx offside biex b’hekk il-logħba intemmet bir-riżultat
ta’ 1-4.